Messaġġi ewlenin għal tobba żgħar u studenti 

Ikkunsidraw dawn il-messaġġi minbarra dawk għall-gruppi fil-mira speċifiċi li jirrelataw mal-qasam ta' speċjalizzazzjoni tagħkom. 

 X'tista' tagħmel

1.    Tgħallem u applika r-rakkomandazzjonijiet kollha dwar l-użu tal-antibijotiċi u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet li huma rilevanti għall-qasam ta' speċjalizzazzjoni tiegħek [kunsens tal-esperti].

2.    Meta taraw antibijotiku preskritt, staqsu lill-preskrivent dwar l-indikazzjoni, l-għażla, id-doża, ir-rotta tal-amministrazzjoni u t-tul tat-trattament, biex tifhmu jekk dan huwiex isegwi l-linji gwida tal-antibijotiċi [69].

3.    Jekk taraw membri tal-persunal fi sptar jew f'ambjent tal-kura tas-saħħa li jiksru l-linji gwida jew protokolli, staqsuhom għaliex qegħdin jagħmlu dan u ipprovduhom b'għodod biex jifhmu x'inhuma qegħdin jagħmlu ħażin [69] [kunsens tal-esperti]. 

4.    Qabel ma tippreskrivu antibijotiku, għandkom [25,26,53,70] [kunsens tal-esperti]:
•    Tfittxu gwida u parir mingħand kollega superjuri jew mingħand membru tat-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi;
•    Tiċċekkjaw dejta epidemjoloġika lokali, reġjonali u nazzjonali.

5.    Tiddokumentaw l-indikazzjoni ta' trattament bl-antibijotiku, l-għażla tal-mediċina, id-doża, ir-rotta tal-amministrazzjoni u t-tul ta' żmien tat-trattament fiċ-ċart tal-pazjent [31,42,70,71]. 

6.    Irrispondu l-mistoqsijiet ewlenin li ġejjin biex tottimizzaw it-terapija antibijotika. Jekk ikollkom dubju, ikkonsultaw mat-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi [31,42,53,70,71]: 
a)    Hemm probabbiltà għolja ta' infezzjoni batterika, iktar milli kolonizzazzjoni jew infezzjoni virali?
b)    Inġabru l-kulturi xierqa qabel ingħatat bidu t-terapija bl-antibijotiċi?
c)    Iċċekkjajt għall-użu riċenti tal-antibijotiċi, l-allerġiji għall-mediċini, l-użu tat-terapija immunosuppressiva, rikoveru l-isptar jew istituzzjonalizzazzjoni riċenti, vjaġġar riċenti barra mill-Ewropa u r-riżultati tal-mikrobijoloġija għat-3 xhur ta' qabel?
d)    Il-pazjent għandu infezzjoni li se tirrispondi għall-antibijotiċi?
Jekk iva:
i.    Il-pazjent qiegħed jieħu l-antibijotiku(antibijotiċi) x-xieraq/xierqa, id-doża l-korretta u mir-rotta tal-amministrazzjoni x-xierqa?
ii.    Jista' jintuża antibijotiku bi spettru idjaq sabiex tiġi kkurata l-infezzjoni?
iii.    Għal kemm żmien il-pazjent għandu jirċievi l-antibijotiku(antibijotiċi)?

7.    Kun żgur li l-pazjenti (u l-familji tagħhom) jifhmu r-raġuni għat-terapija bl-antibijotiku u l-punti ewlenin relatati mal-użu tal-antibijotiku, inkluż biex [31,69] [kunsens tal-esperti]: 
a)    Jieħdu l-antibijotiċi eżatt kif preskritti; 
b)    Qatt ma jżommu l-antibijotiċi biex jużawhom iktar tard;
c)    Qatt ma jużaw antibijotiċi li jkun fadlilhom minn trattamenti preċedenti; u
d)    Qatt ma jaqsmu antibijotiċi li jkun fadal ma' nies oħra.