Messaġġi ewlenin rilevanti għall-preskriventi kollha
X'tista' tagħmel
1. Tgħallem u applika r-rakkomandazzjonijiet kollha dwar l-użu tal-antibijotiċi u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet li huma rilevanti għall-qasam ta' speċjalizzazzjoni tiegħek [kunsens tal-esperti].
2. Jekk tara membri tal-persunal fl-ambjent ta' sptar jew tal-kura tas-saħħa li jiksru l-linji gwida jew protokolli, staqsihom għaliex qegħdin jagħmlu dan u ipprovdihom b'għodod biex jifhmu x'inhuma qegħdin jagħmlu ħażin [69] [kunsens tal-esperti].
3. Ibqa' konxju tal-mudelli tar-reżistenza għall-antibijotiċi lokali fid-dipartiment tiegħek, l-isptar tiegħek u fil-komunità [31] [kunsens tal-esperti].
4. Jekk tinsab f'dubju qabel ma toħroġ riċetta għal antibijotiku, inti għandek [25,26,53,70] [kunsens tal-esperti]:
• Tiċċekkja d-dejta epidemjoloġika lokali, reġjonali u nazzjonali
• Tfittex gwida u parir minn kollega superjuri jew membru tat-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi.
5. Tiżgura li l-kulturi jittieħdu u jintbagħtu kif xieraq fil-laboratorju tal-mikrobijoloġija, qabel ma tibda l-antibijotiċi [31,42,70,71].
6. Tibda t-trattament tal-antibijotiċi biss jekk hemm evidenza ta' infezzjoni batterjali u tittrattax l-konolizzazzjoni [31,72].
7. Tevita profilassi antibijotika bla bżonn [31,73].
8. Għal pazjenti b'infezzjonijiet severi, tibda trattament antibijotiku effettiv kemm jista' jkun malajr [31,74].
9. Tiddokumenta l-indikazzjoni ta' kura b'antibijotiċi, l-għażla tal-mediċina, id-doża, ir-rotta tal-amministrazzjoni u t-tul ta' żmien tat-trattament fiċ-ċart tal-pazjent [31,42,70,71].
10. Tieħu sehem b'mod regolari f'korsijiet tat-taħriġ u f'laqgħat li jappoġġjaw l-implimentazzjoni fl-isptar ta': a) użu prudenti tal-antibijotiċi, b) linji gwida dwar l-antibijotiċi lokali, ibbażati fuq l-evidenza, u c) miżuri ta' prevenzjoni u ta' kontroll tal-infezzjonijiet [52,53].
11. Twieġeb il-mistoqsijiet ewlenin li ġejjin meta tivvaluta mill-ġdid it-terapija antibijotika wara 48-72 siegħa (jew hekk kif ir-riżultati mikrobijoloġiċi jsiru disponibbli) [42,70]:
Il-pazjent għandu infezzjoni li se tirrispondi għall-antibijotiċi?
Jekk iva:
i. Il-pazjent qiegħed jieħu l-antibijotiku(antibijotiċi) x-xieraq/xierqa, id-doża l-korretta u mir-rotta tal-amministrazzjoni x-xierqa?
ii. Jista' jintuża antibijotiku bi spettru idjaq sabiex tiġi kkurata l-infezzjoni?
iii. Għal kemm żmien il-pazjent għandu jirċievi l-antibijotiku(antibijotiċi)?