Messaġġi ewlenin għall-preskriventi tal-isptarijiet

materjal ta’ informazzjoni messaġġi ewlenin materjal tat-toolkit

Kompiti

1.    Bħala preskriventi tal-isptar, il-kompiti tagħkom relatati mat-titjib fl-użu tal-antibijotiċi jinkludu li [31,42,43,52-54,56,70,71,90]:
a)    Tippreskrivu skont il-linji gwida tal-antibijotiċi tal-isptar ibbażati fuq l-evidenza għal infezzjonijiet komuni u għal profilassi kirurġika; 
b)    Tidentifikaw l-isfond tal-pazjenti individwali rilevanti meta tevalwaw il-bżonn ta' preskrizzjoni antibijotika, inkluż l-użu riċenti tal-antibijotiċi, allerġiji għall-mediċini, l-użu ta' terapija immunosoppressiva, rikoveru l-isptar jew istituzzjonalizzazzjoni reċenti, vjaġġar riċenti barra mill-Ewropa u riżultati mikrobijoloġiċi għat-3 xhur ta' qabel;
c)    Tiddokumentaw l-indikazzjoni għall-kura tal-antibijotiċi, l-għażla tal-mediċina, id-doża, ir-rotta tal-amministrazzjoni u t-tul tat-trattament, fiċ-ċart tal-pazjent, meta tippreskrivi antibijotiku; 
d)    Issegwu l-gwida għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet;
e)    Tiżguraw li jittieħdu l-kulturi rilevanti qabel ma tibdew l-antibijotiċi;
f)    Tevalwaw mill-ġdid it-trattament wara 48-72 siegħa jew meta jkunu disponibbli r-riżultati mill-kampjuni mikrobijoloġiċi;
g)    Tibdew it-trattament tal-antibijotiċi kemm jista' jkun malajr f'pazjenti li għandhom infezzjoni severa; 
h)    Tikkunsidraw ix-xejriet ta' reżistenza għall-antibijotiċi u l-mikrobijoloġija lokali meta tippreskrivu trattamenti tal-antibijotiċi empiriċi; 
i)    Tinfurmaw lill-pazjenti tagħkom bi kwalunkwe antibijotiku preskritt u l-effetti ħżiena potenzjali tagħhom; u,
j)    Tipparteċipaw f'korsijiet annwali ta' taħriġ dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi.

Affarijiet li għandek tkun taf

2.    L-użu tal-gwida għall-antibijotiċi u tattendu għal ċikli edukattivi jtejbu l-preskrizzjoni tal-antibijotiċi [78].

3.    Id-dokumentazzjoni tal-indikazzjoni, l-għażla tal-mediċina, id-doża, ir-rotta tal-amministrazzjoni u t-tul tat-trattament fiċ-ċart tal-pazjent iwassal għal użu aħjar tal-antibijotiċi [71]

4.    Il-preskrizzjoni tal-iktar trattament tal-antibijotiku qasir ibbażat fuq l-evidenza jnaqqas il-feġġa ta' batterji reżistenti għall-antibijotiċi [54,56,71,91].

5.    It-tempiżmu korrett u t-tul ottimali tal-profilassi tal-antibijotiċi għall-kirurġija jwassal għal inqas infezzjonijiet fuq il-post tal-kirurġija u jnaqqas il-feġġa ta' batterji reżistenti għall-antibijotiċi [73].

6.    Li tieħdu kampjuni mikrobijoloġiċi qabel tibda terapija antibijotika empirika u li tissimplifikaw it-trattament antibijotiku bbażat fuq ir-riżultat tal-kulturi jgħin biex itejjeb l-użu tal-antibijotiċi [31,70,71]

7.    Ir-reviżjoni tal-kura inizjali bl-antibijotiċi wara 48-72 siegħa u taqilbu minn amministrazzjoni parenterali għal orali (meta jkun possibbli), inaqqas ir-rati ta' reżistenza għall-antibijotiċi u jtejjeb ir-riżultati kliniċi [37,54,57,71,92,93].

8.    Il-konsultazzjoni mat-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi żżid il-kwalità tal-preskrizzjoni tal-mediċina u ttejjeb ir-riżultat tal-pazjenti [56,83].

Eżempju
9.    Qlib immexxi minn spiżjar minn parenterali għal orali rriżulta f'tul taż-żmien iqsar tat-terapija parenterali mingħajr ma ħallia impatt negattiv fuq ir-riżultati kliniċi [56].
10.    L-interventi tal-ispeċjalisti tal-mard infettiv ġew assoċjati ma' titjib sinifikanti fil-kwalità tal-preskrizzjoni tal-antibijotiċi u jwasslu għal tnaqqis fl-użu tal-antibijotiċi [83]

X'tista' tagħmel

11.    Segwu protokolli tat-trattamenti antibijotiċi, fuq il-bażi ta' linji gwida bbażati fuq l-evidenza u applikaw miżuri ta' prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet li huma stabbiliti fl-ambjent tagħkom [31] [kunsens tal-esperti].

12.    Ikkonsultaw mat-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi meta jkun meħtieġ, pereżempju meta tippreskrivu antibijotiku barra mil-linji gwida normali [31,56] [kunsens tal-esperti].

13.    Ibdew it-trattament tal-antibijotiċi biss jekk ikun hemm evidenza ta' infezzjoni batterjali u tikkurawx il-konolizzazzjoni [31,72].

14.    Evitaw profilassi antibijotika bla bżonn [31,73].

15.    Jekk taraw membri tal-persunal fl-ambjent tal-kura tas-saħħa jew tal-isptar li jiksru l-linji gwida jew il-protokolli, staqsuhom għalxiex qed jagħmlu dan u pprovduhom b'għodod biex jifhmu x'qed jagħmlu ħażin [kunsens tal-esperti].

16.    Irrispondu l-mistoqsijiet ewlenin li ġejjin biex tottimizzaw it-terapija antibijotika. Jekk ikollkom dubju, ikkonsultaw mat-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi [31,42,53,70,71]: 
a)    Hemm probabbiltà għolja ta' infezzjoni batterika, iktar milli kolonizzazzjoni jew infezzjoni virali?
b)    Inġabru l-kulturi xierqa qabel ingħatat bidu t-terapija bl-antibijotiċi?
c)    Iċċekkjajt għall-użu riċenti tal-antibijotiċi, l-allerġiji għall-mediċini, l-użu tat-terapija immunosuppressiva, rikoveru l-isptar jew istituzzjonalizzazzjoni riċenti, vjaġġar riċenti barra mill-Ewropa u r-riżultati tal-mikrobijoloġija għat-3 xhur ta' qabel?
d)    Il-pazjent għandu infezzjoni li se tirrispondi għall-antibijotiċi?
Jekk iva:
i.    Il-pazjent qiegħed jieħu l-antibijotiku(antibijotiċi) x-xieraq/xierqa, id-doża l-korretta u mir-rotta tal-amministrazzjoni x-xierqa?
ii.    Jista' jintuża antibijotiku bi spettru idjaq sabiex tiġi kkurata l-infezzjoni?
iii.    Għal kemm żmien il-pazjent għandu jirċievi l-antibijotiku(antibijotiċi)?

17.    Iddokumentaw l-indikazzjoni ta' trattament bl-antibijotiku, l-għażla tal-mediċina, id-doża, ir-rotta tal-amministrazzjoni u t-tul ta' żmien tat-trattament fiċ-ċart tal-pazjent [31,42,70,71]. 

18.    Kunu sors ta' informazzjoni tajjeb għall-pazjenti tagħkom u għinuhom jifhmu l-importanza tal-użu prudenti tal-antibijotiċi. Aċċertaw li l-pazjenti (u l-familji tagħhom) jifhmu r-raġunijiet għat-terapija antibijotika u l-punti ewlenin relatati mal-użu tal-antibijotiċi, inkluż biex [kunsens tal-esperti]:
a)    Jieħdu l-antibijotiċi eżatt kif preskritti;
b)    Qatt ma jżommu l-antibijotiċi biex jużawhom iktar tard;
c)    Qatt ma jużaw antibijotiċi li jkun fadal minn kuri preċedenti;
d)    Qatt ma jaqsmu antibijotiċi li jkun fadal ma' nies oħra.