Lill-Karin

stejjer ta' pazjenti

Lill-Karin, in-Norveġja, ġiet infettata b'batterji reżistenti għal ħafna antibijotiċi wara inċident u perjodu ta' kura ġo sptar waqt li kienet fuq btala barra minn pajjiżha. Ir-razza tal-batterju tant kienet reżistenti li kien hemm biss antibijotiku wieħed disponibbli li seta' jintuża biex jikkuraha. Għaddiet żmien twil dieħla u ħierġa minn sptarijiet biex teħles mill-infezzjoni.

 

Jisimni Lill-Karin; kont għalliema fi skola u llum jien irtirata u għandi 66 sena, bi tlett itfal li kibru u ħames neputijiet. Ilni ngħix waħdi minn mindu mietli r-raġel, u nqatta’ ħini naqra, inħit, nikteb poeżiji u nivvjaġġa.

 

Mort l-Indja bosta drabi iżda qatt ma kont għadni żort Kerala, u b’hekk, fl-2010 ippjanajt mawra u ftehmt biex noqgħod ma’ familja lokali.

Malajr bdejt bil-ħażin. Ir-raġel tal-familja li laqgħatni ġie għalija l-ajruport bil-karozza iżda lanqas kont għadni lmaħt il-belt li ma ħbatniex ma’ vann. Kelli sieq miksura sew u ħaduni niġri lejn l-isptar mimduda fl-art f’ambulanza.

 

Wara li wasalt l-isptar, qattajt jumejn fuq sodda tal-plastik f’kamra kbira, imdawra b’nies morda. Ingħatajt skutella ilma darba kuljum, iżda minħabba s-sieq miksura ma stajtx niċċaqlaq biex ninħasel jew inbiddel il-ħwejjeġ, allura stajt biss nibqa’ mixħuta hemm fis-sħana.

Eventwalment, ħaduni f’kamra privata u kelli operazzjoni ta’ bidla tal-ġenbejn. Fl-Indja, il-familja tiegħek hija mistennija li ddur bik meta tkun l-isptar, u allura ma tantx rajt tobba u infermiera. Ħassejtni ferm waħdi għall-ewwel ġimgħat hekk kif kelli biss il-kumpanija tal-familja li laqgħatni, iżda maż-żmien ħallewni mmur lura d-dar.

 

Lura n-Norveġja, kellu mmur dritt lura l-isptar. Sfajt waħdi f’kamra speċjali u kull min ried jiġi jarani, kellu jilbes ilbies protettiv.

It-tobba sabu li kelli batterju reżistenti għall-antibijotiċi fl-awrina tiegħi, ikkawżat minn katiter urinarju li kienu għamluli matul l-intervent kirurġiku fl-Indja. Ma ħassejt l-ebda sintomu tal-infezzjoni, iżda kien żmien ferm diffiċli. Il-famlija tiegħi kienet għadha kif kellha tarbija ġdida u allura beżgħu jżuruni, li ma jmorrux jieħdu l-infezzjoni. Tlift anki t-tiġijiet u l-magħmudijiet tal-familja. F’dak iż-żmien, minħabba li kont waħdi ma ngħidlekx kemm sfajt ħażin, bdejt inħossni qisni bla saħħa u maqtugħa wisq għalija waħdi.

 

Kont imħassba wkoll li l-ġerħa mill-intervent kirurġiku li kien għad kif kelli tista’ tiġi infettata peress li kienet għadha m’għalqitx. Kien hemm żminijiet li fihom ħsibt li kont wasalt f’xifer ħajti.

 

B’xorti tajba, illum irkuprajt għal kollox u ninsab ħielsa mill-infezzjoni, iżda għal ċertu żmien kelli biża’ kbir li jaqbadni riħ jew xi ħaġa agħar. Miż-żmien li għaddejt l-isptar, tgħallimt dwar l-importanza ta’ iġjene stretta u dwar l-użu ta’ prodotti tal-ħasil tal-idejn u prodotti diżinfettanti tad-djar biex nevitaw il-mard u l-infezzjonijiet. Kienet esperjenza li twaħħxek iżda ma żammitnix mix-xewqa li nivvjaġġa; diġà qed nippjana l-vjaġġ li jmiss tiegħi lejn Kerala. Din id-darba, nittama li nara l-pajjiż, u mhux biss l-isptar.

 

Kummentarju: noti dwar il-każ
Waqt li kienet l-Indja, lil Lill-Karin għamlulha intervent kirurġiku ortopediku u trattament antibijotiku profilattiku b’linezolid. Iddaħħlet l-isptar fin-Norveġja b’varjant tal-batterju Klebsiella pneumoniae fl-awrina tagħha li kien reżistenti għal bosta antibijotiċi. Kien maħsub li l-batterju kkolonizza ruħu fl-awrina tagħha minn katiter iffittjat matul il-kirurġija tagħha fl-Indja.

 

Il-batterju kien suxxettibbli għal antibijotiku wieħed biss, colistin. Wera reżistenza għall-antibijotiċi kollha li ġejjin: il-beta-lactams kollha (peniċillini u ċefalosporini, carbapenems u aztreonam), l-aminoglikosidi, il-fluoroquinolones (eż. ciprofloxacin), trimethoprim/sulfamethoxazole u tigecycline.

 

Instab li l-iżolat K. pneumoniae jipproduċi l-enzima carbapenemase. L-analiżi molekulari wriet li l-iżolat kien fih ġene responsabbli għall-produzzjoni ta’ metallo-beta-lactamase ta’ New Delhi (NDM-1), carbapenemase ġdid. Dan l-element ġenetiku nstab f’bosta batterji u nfirex b’mod globali, u kien il-kawża għaliex il-batterji li jġorru l-ġene kienu reżistenti għal ħafna antibijotiċi. Dan iħalli biss ftit, jew ebda, antibijotiċi disponibbli għall-kura. Fil-każ tal-pazjent, il-batterju tagħha kien sensittiv biss għal colistin, antibijotiku li jrid jingħata fil-vina u li jista’ jkun tossiku.

 

Kien hemm żieda fir-rati ta’ batterji ferm reżistenti bħal dawn madwar id-dinja. Dawn il-batterji, li għandhom il-potenzjal li jaqbżu l-fruntieri u li jivvjaġġaw bejn pajjiż u ieħor, spiss jinġarru minn pazjenti li jiġu trasferiti bejn sistemi differenti ta’ kura tas-saħħa. Huwa ferm importanti li t-tobba joqogħdu attenti għal każijiet ta’ pazjenti li jġorru batterji b’reżistenza antibijotika bħal din. Għad li din it-tip ta’ reżistenza hija rari fil-pajjiżi Skandinavi, ħafna każijiet oħrajn li dehru fl-Ewropa ġew assoċjati mad-dħul fi sptarijiet f’pajjiżi barranin.