Messaġġi ewlenin għall-maniġers/amministraturi fl-isptarijiet

materjal ta’ informazzjoni messaġġi ewlenin materjal tat-toolkit

Kompiti 

1.    Il-kompiti tiegħek relatati mat-titjib tal-użu antibijotiku jinkludu [31,42,56,71,75]:
a)    L-istabbiliment ta' tim multidixxiplinarju għall-programm tiegħek ta' kontroll tal-antibijotiċi fl-isptar. Dan it-tim għandu jinkludi speċjalisti tal-mard infettiv, mikrobijoloġisti kliniċi u spiżjara u għandu jirċievi finanzjament u riżorsi adegwati;
b)    L-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-antibijotiċi u miżuri ta' prevenzjoni u kontroll tal-infezzjoni;
c)    L-implimentazzjoni ta' attivitajiet u taħriġ edukattivi mmirati li:
i.    tottimizza l-ġestjoni dijanjostika u terapewtika tal-pazjenti;
ii.    tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-antibijotiċi jiġu segwiti;
iii.    tindirizza fatturi tal-imġiba li jiffurmaw l-użu ħażin tal-antibijotiċi;
iv.    ittejjeb il-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-firxa ta' batterji reżistenti għall-antibijotiċi. 
d)    Tippromwovi preskriventi u mexxejja tat-timijiet ta' kontroll tal-antibijotiċi biex jikkollaboraw u jwettqu verifika u rispons proattiv.
e)    Tistabbilixxi indikaturi tal-kwalità u metriċi tal-kwantità biex tkejjel il-progress u r-riżultati tal-programm tal-amministrazzjoni tal-antibijotiċi;
f)    Tiżgura li l-antibijotiċi elenkati fil-formularju tal-isptar huma dejjem disponibbli;
g)    Tiżgura li l-użu prudenti tal-antibijotiku u l-prevenzjoni tar-reżistenza għall-antibijotiku huma "oqsma ta' azzjoni prijoritarja" fil-pjan annwali tal-isptar tiegħek.

Affarijiet li għandek tkun taf

2.    Il-programmi tal-kontroll tal-antibijotiċi, flimkien ma' prattiki ta' kontroll u prevenzjoni tal-infezzjonijiet, jistgħu jżidu s-sigurtà tal-pazjent u l-kwalità tal-kura u jnaqqsu l-ispejjeż tal-isptarijiet fis-servizzi kollha, billi jtejbu kif għandhom jintużaw l-antibijotiċi, kif ukoll billi jnaqqsu l-infezzjonijiet ta' C. difficile u episodji avversi oħrajn [19,42].

Eżempju 
L-implementazzjoni ta' programmi ta' kontroll antibijotiku rriżultat fi [46]:
•    Tnaqqis tal-konsum tal-antibijotiċi b'20%,
•    Tnaqqis tal-inċidenza tal-infezzjonijiet miksuba mill-isptar,
•    Tnaqqis fit-tul tar-rikoveru l-isptar u
•    Tnaqqis tal-ispejjeż tal-antibijotiċi bi 33%. 

3.    L-ispeċjalisti tal-mard infettiv, il-mikrobijoloġisti kliniċi u l-ispiżjara kliniċi huma kollha mexxejja ewlenin fit-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi [56,76].

4.    Ħafna preskriventi u professjonisti tal-kura tas-saħħa oħra jemmnu li t-taħriġ tagħhom fl-użu prudenti tal-antibijotiċi mhuwiex biżżejjed. Qed jistaqsu għal linji gwida dwar l-antibijotiċi lokali, edukazzjoni speċifika u timijiet għall-amministrazzjoni tal-antibijotiċi [25,27]. 

5.    It-tobba huma responsabbli biex jippreskrivu u għandhom ikunu involuti b'mod sħoħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet kondiviż mat-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi [42]

6.    Biex it-timijiet tal-kontroll tal-antibijotiċi jkunu ta' suċċess, għandhom bżonn l-appoġġ attiv ta' professjonisti ewlenin oħrajn fl-isptarijiet, bħall-professjonisti tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, prattikanti tad-dipartiment tal-emerġenza, l-epidemjoloġisti tal-isptar, l-infermiera u l-persunal tal-IT [42,77]

7.    It-titjib fl-użu tal-antibijotiċi fid-dipartiment tal-emerġenza jista' jwassal għal użu aħjar tal-antibijotiċi tul-l-organizzazzjoni kollha, għaliex id-dipartiment tal-emerġenza huwa punt tad-dħul komuni għall-ambjent tal-pazjenti rikoverati [77]

8.    Kemm il-miżuri restrittivi kif ukoll il-miżuri persważivi jistgħu jnaqqsu l-użu tal-antibijotiċi [19,43,54,56]
•    Il-miżuri restrittivi jinkludu deċiżjonijiet ta' qabel l-approvazzjoni u ta' wara l-awtorizzazzjoni għal antibijotiċi speċifiċi;
•    Il-miżuri persważivi jinkludu verifika u rispons proattivi mit-tobba, il-mikrobijoloġisti u l-ispiżjari tal-mard infettiv.

9.    Linji gwida dwar l-antibijotiċi u sessjonijiet u ċikli edukattivi regolari jtejbu kif it-tobba jiġġestixxu l-infezzjonijiet [78]

10.    Ċerti strateġiji strutturali jistgħu jtejbu l-preskrizzjoni tal-antibijotiċi u r-riżultati tal-pazjenti. Dawn jinkludu [54,79-81]:
•    deċiżjonijiet appoġġjati mill-kompjuter, li jorbtu l-indikazzjoni klinika, id-dejta mikrobijoloġika u l-preskrizzjoni ta' dejta flimkien u
•    l-użu ta' testijiet dijanjostiċi rapidi u ta' punt ta' kura.

Affarijiet li tista' tagħmel fl-isptar jew fl-istituzzjoni tiegħek

11.    Tappoġġja lit-tim ta' kontroll tal-antibijotiċi multidixxiplinarju tiegħek billi taħtar mexxejja speċifiċi għall-kontabilità u l-ħila esperta fil-mediċina u billi tiddikjara r-rwoli ta' appoġġ ta' gruppi ewlenin oħrajn [42,71]. 

12.    Tagħti prijorità lill-kontroll tal-antibijotiċi u l-politiki tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, kif ukoll strateġiji u attivitajiet li jappoġġjaw l-użu prudenti tal-antibijotiċi u li jipprevjenu l-firxa tal-batterji reżistenti għall-antibijotiċi [31,71]. 

13.    Tipprovdi fondi u riżorsi għall-programm tal-kontroll tal-antibijotiċi (inkluż eż., salarji għal persunal iddedikat, kapaċitajiet tal-IT, testijiet dijanjostiċi rapidi u ta' punt ta' kura) [31]. 

14.    Tagħti fondi u tippromwovi attivitajiet edukattivi, taħriġ u laqgħat dwar il-kontroll tal-antibijotiċi u r-reżistenza għall-antibijotiċi għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa kollha (tobba, speċjalisti tal-mard infettiv, spiżjara, mikrobijoloġisti u persunal tal-infermiera) [19,53,56].

15.    Issaħħaħ l-attivitajiet ta' sorveljanza għall-użu tal-antibijotiċi u r-reżistenza għall-antibijotiċi [56].

16.    Tippromwovi l-konformità ma' linji gwida bbażati fuq l-evidenza għad-dijanjożi u l-ġestjoni ta' infezzjonijiet komuni u għal profilassi antibijotika perioperattiva. Jekk dawn il-linji gwida ma jeżistux fl-isptar tiegħek, allura għandek tappoġġja l-iżvilupp tagħhom [31,54,56].

17.    Tippromwovi l-użu tal-mikrobijoloġija u x-xejriet tar-reżistenza għall-antibijotiċi lokali biex tinforma linji gwida u għażliet tal-antibijotiċi empiriċi [31].

18.    Tippromwovi konformità ma' linji gwida bbażati fuq l-evidenza għal miżuri li jikkontrollaw l-infezzjonijiet, biex tnaqqas it-trażmissjoni tal-batterji reżistenti għall-antibijotiċi [82]. 

19.    Tippromwovi verifiki proattivi u tiżgura li l-preskritturi individwali jirċievu rispons [54,56].

20.    Tippromwovi r-reviżjoni bejn il-pari tal-preskrizzjonijiet tal-antibijotiċi u l-ġestjoni tal-infezzjonijiet u tinkoraġġixxi l-komunikazzjoni fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa [71].