Messaġġi ewlenin: L-użu antimikrobiku f’ambjent ta’ kura tas-saħħa

Fl-2016-2017, l-ECDC ikkoordina t-tieni stħarriġ dwar il-prevalenza puntwali ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-użu antimikrobiku fi sptarijiet Ewropej ta’ kura akuta u t-tielet stħarriġ dwar il-prevalenza puntwali ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u l-użu antimikrobiku fil-faċilitajiet Ewropej ta’ kura fit-tul. Is-sejbiet huma miġbura fil-qosor fi tliet artikli tal-Eurosurveillance:

Antimicrobial use in European acute care hospitals: results from the second point prevalence survey (PPS) of healthcare-associated infections and antimicrobial use, 2016 to 2017. Euro Surveill. 2018;23(46):1800393. Plachouras D, Kärki T, Hansen S, Hopkins S, Lyytikäinen O, Moro ML, et al.

Antimicrobial use in European long-term care facilities: results from the third point prevalence survey of healthcare-associated infections and antimicrobial use, 2016 to 2017. Euro Surveill. 2018;23(46):1800394. Ricchizzi E, Latour K, Kärki T, Buttazzi R, Jans B, Moro ML, et al.

Prevalence of healthcare-associated infections, estimated incidence and composite antimicrobial resistance index in acute care hospitals and long-term care facilities: results from two European point prevalence surveys, 2016 to 2017. Euro Surveill. 2018;23(46):1800516. Suetens C, Latour K, Kärki T, Ricchizzi E, Kinross P, Moro ML, et al.

Il-messaġġi ewlenin huma bbażati fuq ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar il-prevalenza puntwali.

 

L-użu antimikrobiku fi sptarijiet Ewropej ta’ kura akuta

L-aġenti antimikrobiċi għall-kura tal-infezzjonijiet jistgħu jsalvaw il-ħajja, iżda l-użu żejjed tal-antimikrobiċi jista’ jirriżulta f’effetti negattivi aktar frekwenti u l-emerġenza ta’ mikroorganiżmi reżistenti għal ħafna mediċini. 

1 minn 3 pazjenti rċieva tal-anqas antimikrobiku wieħed f’ġurnata partikolari.  

L-antimikrobiċi xi kultant jingħataw lill-pazjenti biex jiġu evitati l-infezzjonijiet, pereżempju biex jiġu evitati l-infezzjonijiet b’rabta ma’ proċeduri kirurġiċi.  

1 minn 2 korsijiet tal-profilassi kirurġika ġie preskritt għal aktar minn ġurnata.  

Doża waħda hija normalment biżżejjed għal profilassi kirurġika. Profilassi kirurġika mtawla tirrappreżenta sors sinifikanti ta’ użu mhux meħtieġ ta’ antmikrobiċi fl-isptarijiet, kwistjoni li jeħtieġ tiġi indirizzata fl-Ewropa kollha.  

1 minn 10 preskrizzjonijiet antimikrobiċi kienu għall-profilassi medika, li għaliha hemm biss numru limitat ta’ indikazzjonijiet.  

Proporzjon ta’ preskrizzjonijiet antimikrobiċi għall-profilassi medika għaldaqstant tista’ tirrappreżenta użu mhux meħtieġ.  

Il-proporzjon ta’ antibijotiċi b’azzjoni mifruxa varja minn 16 % għal 62 % fl-Ewropa kollha.  

L-antibijotiċi b'azzjoni mifruxa mhumiex dejjem meħtieġa u l-użu tagħhom huwa motivatur tar-reżistenza għall-antimikrobiċi. Il-varjazzjoni wiesgħa fl-użu tagħhom tindika l-bżonn li jiġu rieżaminati l-indikazzjonijiet tagħhom f’bosta pajjiżi u sptarijiet.  

7 minn 10 antimikrobiċi ġew amministrati b’mod parenterali. Il-bidla minn parenterali għal orali ġiet irrappurtata f’4 % biss tal-preskrizzjonijiet ta’ antimikrobiċi parenterali.  

76 % tal-isptarijiet irrappurtaw id-disponibbiltà tal-linji gwida dwar l-użu antimikrobiku. 54 % irrappurtaw xi ħin iddedikat mill-persunal għall-amministrazzjoni antimikrobika.  

L-użu antimikrobiku fil-faċilitajiet Ewropej ta’ kura fit-tul

L-antimikrobiċi normalment jiġu preskritti u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi fil-faċilitajiet ta’ kura fit-tul (LTCFs). 

1 minn 20 residenti rċieva minn tal-inqas antimikrobiku wieħed f’ġurnata partikolari.  
 
7 minn 10 antimikrobiċi ġew preskritti għall-kura ta’ infezzjoni u 3 minn 10 għal profilassi.  

3 minn 4 korsijiet tal-profilassi ngħataw biex jiġu evitati infezzjonijiet fil-kanal tal-awrina. Filwaqt li din il-prattika tista’ tnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni fin-nisa, m’hemm l-ebda evidenza dwar l-effettività tagħha meta tiġi applikata fuq firxa wiesgħa fuq il-pazjenti anzjani. Barra minn hekk, din il-prattika hija assoċjata ma’ żieda fir-reżistenza għall-antimikrobiċi. Il-maġġoranza tal-korsijiet tal-profilassi għaldaqstant jistgħu jirrappreżentaw użu mhux meħtieġ ta’ antimikrobiċi.  

Skont il-pajjiż, l-LTCFs kollha jkollhom linji gwida dwar l-użu antimikrobiku jew l-ebda LTCF ma jkollha linji gwida dwar l-użu antimikrobiku. Barra minn hekk, 1 biss minn 5 LTCFs tingħata taħriġ regolari dwar il-preskrizzjoni adegwata ta’ antimikrobiċi.

Infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u reżistenza għall-antimikrobiċi fi sptarijiet Ewropej ta’ kura akuta u faċilitajiet Ewropej ta’ kura fit-tul

Għalkemm xi infezzjonijiet li jittieħdu mill-isptar (HAIs) jistgħu jiġu kkurati b’mod faċli, oħrajn jistgħu jaffettwaw b’mod aktar serju s-saħħa tal-pazjenti, u b’hekk iżidu d-dewmien tagħhom fl-isptar u l-ispejjeż tal-isptar. Biss biss l-HAIs fl-isptarijiet waħidhom jikkawżaw aktar imwiet fl-Ewropa minn kwalunkwe marda infettiva oħra taħt is-sorveljanza tal-ECDC.  
 
F’ġurnata partikolari:  

  • 1 minn 15-il pazjent tal-isptar għandu minn tal-inqas HAI waħda;
  • 98,000 pazjent għandhom minn tal-inqas HAI waħda;
  • 1 minn 24 resident f’faċilità ta’ kura fit-tul għandu minn tal-inqas HAI waħda;
  • 124,000 resident għandhom minn tal-inqs HAI waħda;   

Huwa stmat li total ta’ 8.9 miljuni HAIs iseħħu kull sena fl-isptarijiet u fil-faċilitajiet Ewropej ta’ kura fit-tul f’daqqa.  

HAIs fl-isptarijiet (pereżempju, il-pulmonite, infezzjonijiet fis-sit kirurġiku u infezzjonijiet fil-fluss tad-demm) normalment huma aktar severi u għandhom impatt akbar minn HAIs fil-faċilitajiet ta’ kura fit-tul (pereżempju, infezzjonijiet respiratorji li mhumiex pulmonite, infezzjonijiet fil-kanal tal-awrina, u infezzjonijiet tal-ġilda u tat-tessut artab). 
 
Aktar min-nofs ta’ ċerti HAIs huma meqjusa li jistgħu jiġu evitati.  
 
HAIs huma ta’ spiss ikkurati mingħajr ma jittieħdu kampjuni mikrobijoloġiċi jew il-kampjuni jibqgħu negattivi. 
 
Il-mikroorganiżmu responsabbli ġie identifikat fi 53 % tal-HAIs fl-isptarijiet u biss f'19 % tal-HAIs fil-faċilitajiet ta’ kura fit-tul. 
 
1 minn 3 batterji assoċjati ma’ HAIs, kemm fl-isptarijiet kif ukoll fil-faċilitajiet ta’ kura fit-tul, kien reżistenti għall-antibijotiċi.  
 

X’inhu stħarriġ dwar il-prevalenza puntwali? Stħarriġ dwar il-prevalenza huwa l-għadd tan-numru ta’ pazjenti b’kundizzjoni/kura partikolari (f’dan il-każ jew infezzjoni assoċjata mal-kura tas-saħħa jew aġent antimikrobiku) f’ħin partikolari (f’dan il-każ ġurnata), bħala proporzjon tan-numru totali ta’ pazjenti li jiddaħħlu l-isptar f’dak il-ħin partikolari.