Il-piż tas-saħħa tar-reżistenza għall-antibijotiċi

messaġġi ewlenin

1. Kull sena, 33,000 persuna jmutu bħala konsegwenza diretta ta’ infezzjoni minħabba batterji reżistenti għall-antibijotiċi. Dan huwa komparabbli man-numru totali ta’ passiġġieri ta’ aktar minn 100 ajruplan ta’ daqs medju.  

2. Il-piż tal-infezzjonijiet b’batterji reżistenti għall-antibijotiċi fuq il-popolazzjoni Ewropea huwa komparabbli ma’ dak tal-influwenza, tat-tuberkulożi u tal-HIV/AIDS flimkien.   

3. Bejn l-2007 u l-2015, il-piż ta’ kull waħda mis-16-il batterja reżistenti għall-antibijotiċi li qed tiġi studjata żdied:    

  • In-numru ta’ mwiet attribwibbli għal infezzjonijiet b’pulmonite Klebsiella reżistenti għal karbapenemi - grupp ta’ antibijotiċi tal-aħħar linja -
  •  żdied b’sitt darbiet. Din hija tendenza li tagħti lok għal tħassib peress li dawn il-batterji jistgħu jinfirxu b’mod faċli fl-ambjent ta’ kura tas-saħħa jekk ma jkunx hemm fis-seħħ miżuri adegwati għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni.  
  • In-numru ta’ mwiet attribwibbli għal infezzjonijiet b’Escherichia coli tat-tielet ġenerazzjoni reżistenti għaċ-ċefalosporina żdied b’erba’ darbiet.

4. 75 % tal-piż tal-batterji reżistenti għall-antibijotiċi fl-Ewropa huwa minħabba infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Dan jista’ jiġi minimizzat permezz ta’ miżuri adegwati għall-prevenzjoni u l-kontroll, kif ukoll permezz tal-amministrazzjoni tal-antibijotiċi f’ambjent ta’ kura tas-saħħa. 

5. Infezzjonijiet b’E. Coli tat-tielet ġenerazzjoni reżistenti għaċ-ċefalosporina huma responsabbli għall-ogħla piż u aktar min-nofs ta’ dawn l-infezzjonijiet iseħħu fil-komunità. L-amministrazzjoni antimikrobika li għandha fil-mira lil dawk li jippreskrivu l-kura primarja kif ukoll il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet u l-interventi ta’ kontroll fil-kura primarja huma għaldaqstant meħtieġa biex jitnaqqas il-piż ta’ dawn l-infezzjonijiet.   
 
6. 39 % tal-piż huwa kkawżat mill-infezzjonijiet b’batterji reżistenti għall-antibijotiċi tal-aħħar linja bħall-karbapenemi u l-kolistina.   

7. Din hija żieda mill-2007 u hija ta’ tħassib minħabba li dawn l-antibijotiċi huma l-aħħar għażla ta’ kura disponibbli. Meta ma jibqgħux effettivi, se jkun diffiċli ferm jew, f’bosta każijiet, impossibbli biex dawn l-infezzjonijiet jiġu kkurati.    

Il-messaġġi ewlenin huma bbażati fuq artiklu ppubblikat f’The Lance Infectious Diseases fil-5 ta’ Novembru 2018, Attributable deaths and disability-adjusted life-years caused by infections with antibiotic-resistant bacteria in the EU and the European Economic Area in 2015: a population-level modelling analysis. L-artiklu jistma l-piż ta’ ħames tipi ta’ infezzjonijiet ikkawżati minn batterji reżistenti għall-antibijotiċi , (8 speċi ta’ batterji, 16-il kombinazzjoni ta’ batterja reżistenti għall-antibijotiċi) ta’ tħassib dwar is-saħħa pubblika fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (UE/ŻEE) fl-2015, imkejjel fin-numru ta’ każijiet, imwiet attribwibbli u snin ta’ ħajja aġġustati b’diżabilità (DALYs). DALY waħda tista’ titqies bħala sena ta’ ħajja “b’saħħitha” mitlufa. It-total ta’ dawn id-DALYs fil-popolazzjoni, jew il-piż tal-mard, jista’ jitqies bħala kejl tad-differenza bejn l-istatus attwali tas-saħħa u sitwazzjoni ideali ta’ saħħa fejn il-popolazzjoni kollha tgħix sa età avvanzata, mingħajr mard u diżabilità.