Skeda informattiva għall-pubbliku ġenerali

skeda informattiva materjal ta’ informazzjoni materjal tat-toolkit

Definizzjonijiet

 

X’inhuma l-antibijotiċi?
L-antibijotiċi, magħrufin ukoll bħala mediċini antimikrobiċi, huma mediċini li jistgħu joqtlu jew irażżnu t-tkabbir ta’ batterji sabiex ifejqu infezzjonijiet fil-bnedmin, fl-annimali u xi kultant fil-pjanti. L-antibijotiċi huma mediċini għall-infezzjonijiet batteriċi (bħall-pulmonite pnewmokoċċika jew infezzjonijiet stafilokoċċiċi tal-fluss tad-demm); il-mediċini antimikrobiċi li huma effikaċi kontra l-virus normalment jissejħu mediċini antivirali (bħal dawk kontra l-influwenza, l-HIV u l-herpes). Mhux l-antibijotiċi kollha huma attivi kontra l-batterji kollha. Hemm ‘il fuq minn 15-il klassi differenti ta’ antibijotiċi li jvarjaw bejniethom skont l-istruttura kimika tagħhom u l-azzjoni tagħhom kontra l-batterji. Antibijotiku jista’ jkun effikaċi kontra tip wieħed jew ħafna tipi ta’ batterji.

 

X’inhi r-reżistenza antibijotika?
Il-batterji jkollhom reżistenza antibijotika meta antibijotiċi speċifiċi jitilfu l-kapaċità tagħhom li joqtlu jew li jrażżnu t-tkabbir tal-batterji. Xi batterji huma fin-natura tagħhom reżistenti għal ċerti antibijotiċi (reżistenza intrinsika jew inerenti). Problema aktar inkwetanti hija dik meta ċerti batterji, li huma normalment suxxettibbli għall-antibijotiċi, isiru reżistenti bħala riżultat ta’ bidliet ġenetiċi (reżistenza akkwiżita). Il-batterji reżistenti jibqgħu jgħixu fil-preżenza tal-antibijotiku u jkomplu jimmultiplikaw bil-konsegwenza li jikkawżaw mard aktar fit-tul jew saħansitra l-mewt. L-infezzjonijiet ikkawżati minn batterji reżistenti jistgħu jkunu jeħtieġu aktar kura kif ukoll antibijotiċi alternattivi u aktar għaljin, li jista’ jkollhom effetti sekondarji aktar gravi.

 

Kawżi tar-reżistenza antibijotika

 

X’inhi l-aktar kawża importanti tar-reżistenza antibijotika?
Ir-reżistenza antibijotika hija okkorrenza naturali kkawżata minn tibdil fil-ġeni tal-batterji. Madankollu, l-użu eċċessiv u mhux xieraq tal-antibijotiċi jgħaġġel il-ħolqien u t-tixrid ta’ batterji reżistenti għall-antibijotiċi. Meta jkunu esposti għall-antibijotiċi, il-batterji suxxettibbli jinqatlu u l-batterji reżistenti jistgħu jkomplu jikbru u jimmultiplikaw. Dawn il-batterji reżistenti jistgħu jinferxu u jikkawżaw infezzjonijiet f’nies oħrajn li ma jkunu ħadu l-ebda antibijotiku.

 

Fiex jikkonsisti użu “mhux xieraq” tal-antibijotiċi?
Meta tuża antibijotiċi għar-raġuni żbaljata: il-parti l-kbira tal-irjiħat u l-influwenza huma kkawżati minn virus li l-antibijotiċi MHUMIEX effikaċi kontrihom. F’każijiet bħal dawn, ma ttejjibx il-kundizzjoni tiegħek billi tieħu antibijotiċi: l-antibijotiċi ma jbaxxux id-deni u ma jnaqqsux sintomi bħall-għatis.

 

Meta tuża l-antibijotiċi b’mod inkorrett: jekk tnaqqas it-tul ta’ żmien tal-kura, tbaxxi d-dożi, ma tikkonformax mal-frekwenza t-tajba (tieħu l-mediċina darba kuljum minflok darbtejn jew tlieta kuljum skont l-istruzzjonijiet mogħtija), ma jkollokx biżżejjed mediċina f’ġismek u l-batterji jibqgħu jgħixu u jistgħu jsiru reżistenti.

Dejjem oqgħod fuq il-parir tat-tabib tiegħek dwar meta u kif tuża l-antibijotiċi.

 

Liema mard huwa kkawżat minn batterji reżistenti?
Il-batterji li jirreżistu iktar minn mediċina waħda (multireżistenti għall-mediċini) jistgħu jikkawżaw firxa wiesgħa ta’ infezzjonijiet: infezzjoni fl-apparat urinarju, pulmonite, infezzjoni fil-ġilda, dijarrea, infezzjoni fid-demm. Il-post tal-infezzjoni jiddependi mill-batterji u mill-kundizzjoni tal-pazjent.

 

Il-pazjenti fl-isptarijiet huma f’riskju ta’ infezzjonijiet li mhumiex relatati mar-raġuni li għaliha jkunu ddaħħlu l-isptar, inkluż infezzjonijiet fid-demm u fil-post tal-operazzjoni bħal MRSA (ikkawżata minn Staphylococcus aureus reżistenti għall-metiċillina (methicillin), antibijotiku li jirrappreżenta lil dawk li normalment huma effikaċi kontra Staphylococcus aureus), infezzjonijiet fid-demm ikkawżati minn Enterobacteriaceae li jipproduċu ESBL (beta-lattamażi ta’ spettru wiesa’, enzimi li kapaċi jeqirdu ċerti antibijotiċi), infezzjonijiet fil-valvoli tal-qalb ikkawżati minn Enteroccocci reżistenti għall-vankomiċina (vancomycin), u infezzjonijiet fil-post tal-operazzjoni kirurġika u tal-ġrieħi kkawżati minn Acinetobacter baumannii reżistenti għall-carbapenems.

 

Il-problema tar-reżistenza antibijotika

 

Għaliex ir-reżistenza antibijotika hija problema?
Il-kura ta’ infezzjonijiet li jirriżultaw minn batterji reżistenti tikkostitwixxi sfida: l-antibijotiċi li jintużaw b’mod frekwenti ma jibqgħux effikaċi u t-tobba jkollhom jagħżlu antibijotiċi oħrajn. Dan jista’ jittardja l-għażla għall-kura t-tajba għall-pazjenti u jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet, fostjom il-mewt. Barra minn hekk, pazjent jista’ jeħtieġ aktar kura kif ukoll antibijotiċi alternattivi u aktar għaljin, li jista’ jkollhom effetti sekondarji aktar gravi.

 

Kemm hi serja l-problema?
Is-sitwazzjoni qiegħda tmur għall-agħar bil-feġġa ta’ razez batteriċi ġodda li huma reżistenti għal bosta antibijotiċi fl-istess ħin (magħrufin bħala batterji multireżistenti għall-mediċini). Batterji bħal dawn jistgħu eventwalment isiru reżistenti għall-antibijotiċi eżistenti kollha. Mingħajr antibijotiċi, nistgħu nerġgħu lura għall-“era ta’ qabel l-antibijotiċi”, fejn it-trapjanti tal-organi, il-kemjoterapija kontra l-kanċer, il-kura intensiva u proċeduri mediċi oħrajn ma jkunux aktar possibbli. Il-mard batteriku jinfirex u ma jkunx jista’ jiġi kkurat aktar, u jikkawża l-mewt.

 

Il-problema hija agħar minn kif kienet fil-passat?
Qabel l-iskoperta tal-antibijotiċi, eluf ta’ nies kienu jmutu minn mard batteriku, bħal pulmonite jew xi infezzjoni ta’ wara l-intervent kirurġiku. Minn meta ġew skoperti u użati l-antibijotiċi, aktar u aktar batterji, li fil-bidu kienu suxxettibbli, saru reżistenti u żviluppaw għadd ta’ mezzi differenti kif jiġġieldu kontra l-antibijotiċi. Minħabba li r-reżistenza qiegħda tiżdied u ftit antibijotiċi ġodda ġew skoperti u mqiegħda fuq is-suq f’dawn l-aħħar snin, il-problema tar-reżistenza antibijotika issa hija ta’ theddida kbira għas-saħħa pubblika.

 

X’jista’ jsir biex tissolva l-problema?
Kulħadd huwa responsabbli li jżomm l-antibijotiċi effikaċi. L-użu responsabbli tal-antibijotiċi jista’ jgħin iwaqqaf batterji reżistenti milli jiżviluppaw u jgħin sabiex inżommu l-antibijotiċi effikaċi għall-użu minn ġenerazzjonijiet futuri. Abbażi ta’ dan, huwa importanti li dak li jkun ikun jaf meta jeħtieġ li jittieħdu l-antibijotiċi u kif wieħed jeħodhom b’mod responsabbli. Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika li rnexxew, li diġà seħħew f’ċerti pajjiżi, issarrfu fi tnaqqis fil-konsum ta’ antibijotiċi.

Kulħadd jista’ jiżvolġi rwol importanti fit-tnaqqis tar-reżistenza antibijotika:

 

• Pazjenti:

  • Oqgħod fuq il-parir tat-tabib tiegħek meta tieħu l-antibijotiċi.
  • Meta jkun possibbli, ipprevjeni l-infezzjoni billi tieħu t-tilqim apposta.
  • Aħsel idejk u idejn it-tfal tiegħek spiss, pereżempju wara li tagħtas jew tisgħol qabel ma tmiss affarijiet jew nies oħrajn.
  • Dejjem uża l-antibijotiċi b’riċetta tat-tabib, u tużax “fdalijiet” jew antibijotiċi miksuba mingħajr riċetta.
  • Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif tarmi l-mediċini li jkun fadal.  

 

• Tobba u professjonisti oħrajn tal-kura tas-saħħa, eż. spiżjara u infermiera:

  • Ippreskrivi antibijotiċi meta jkun meħtieġ biss, skont linji gwida bbażati fuq l-provi. Kull meta jkun possibbli, ippreskrivi antibijotiku speċifiku għall-infezzjoni u mhux ta’ “spettru wiesa’”.
  • Spjega lill-pazjenti kif itaffu s-sintomi tal-irjiħat u tal-influwenza mingħajr antibijotiċi.
  • Avża lill-pazjenti għaliex huwa importanti li jikkonformaw mal-kura meta jingħataw antibijotiċi minn tabib.

 

Ir-reżistenza antibijotika fl-Ewropa

 

Ir-reżistenza antibijotika hija problema fl-Ewropa?
Id-dejta ta’ sorveljanza turi li r-reżistenza antimikrobika hija problema marbuta mas-saħħa pubblika li qiegħda tikber fl-isptarijiet u l-komunitajiet tal-Ewropa. Ir-reżistenza tal-Escherichia coli għal antibijotiċi ewlenin qiegħda tiżdied kważi fil-pajjiżi kollha fl-Ewropa. E. coli tikkawża infezzjonijiet fl-apparat urinarju u oħrajn aktar gravi u huwa wieħed mill-aktar batterji komuni li jikkawżaw l-infezzjonijiet.

 

Biex jindirizza dan it-tħassib tas-saħħa pubblika, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħareġ rakkomandazzjoni fl-2001 li fiha talab lill-pajjiżi sabiex jistabbilixxu azzjonijiet li jiżguraw l-użu prudenti tal-antibijotiċi (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar l-użu prudenti ta’ sustanzi antimikrobiċi fil-mediċina tal-bniedem (2002/77/KE)). Xi pajjiżi bosta snin ilu nedew programmi nazzjonali, inklużi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika, u osservaw tnaqqis kemm fil-konsum tal-antibijotiċi kif ukoll fir-reżistenza antibijotika.

 

Għaliex ċerti pajjiżi huma milquta aktar minn oħrajn?
Jeżistu bosta raġunijiet għal rati differenti ta’ reżistenza li jistgħu jinkludu użu ta’ antibijotiċi, mard sottostanti, il-kwalità tal-kura fl-isptar, rati ta’ immunizzazzjoni u fatturi soċjali. Mhux dejjem possibbli li dak li jkun jiddetermina l-proporzjon ta’ infezzjonijiet reżistenti kkawżati minn fattur wieħed. Id-dejta mis-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (http://www.rivm.nl/earss/) turi li hemm xaqlib mit-Tramuntana għan-Nofsinhar b’rati baxxi fil-pajjiżi Skandinavi u l-Olanda u rati għoljin fl-Ewropa tan-Nofsinhar. Il-pajjiżi b’rati ta’ reżistenza aktar baxxi ġeneralment jużaw inqas antibijotiċi, filwaqt li pajjiżi b’rati ogħla ta’ reżistenza antibijotika jużaw aktar antibijotiċi.

 

X’inhi s-sitwazzjoni tar-reżistenza fir-reġjuni l-oħrajn tad-dinja?
L-użu żbaljat tal-antibijotiċi hija problema mifruxa mad-dinja kollha. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ħarġet strateġija globali u linji gwida sabiex tgħin lill-pajjiżi jistabbilixxu sistemi ta’ monitoraġġ tar-reżistenza antibijotika u sabiex jimplimentaw azzjonijiet effiċjenti (pereżempju, garanzija li l-antibijotiċi jistgħu jinxtraw biss permezz ta’ riċetta tat-tabib). Filwaqt li għadhom imutu nies fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw minħabba nuqqas ta’ kura antibijotika tajba, ir-reżistenza antibijotika li tirriżulta mill-użu mhux korrett qed tikkawża tħassib f’kull kontinent.

 

Reżistenza antibijotika u l-annimali li jipproduċu l-ikel

 

Liema antibijotiċi jintużaw fl-annimali li jipproduċu l-ikel? Huma relatati mal-antibijotiċi li jintużaw fuq il-bnedmin?
L-antibijotiċi użati għall-kura u l-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet batteriċi fl-annimali jappartjenu għall-istess gruppi kimiċi ta’ dawk li jintużaw fil-bnedmin: makrolidi, tetraċiklini, kwinoloni, beta-lattami, aminoglikosidi. Għaldaqstant, l-annimali jistgħu jieħdu batterji li huma reżistenti għall-antibijotiċi użati wkoll kontra l-infezzjonijiet fil-bniedem.

 

L-użu ta’ antibijotiċi fl-annimali li jipproduċu l-ikel jikkontribwixxi għall-problema?
Ċerti batterji reżistenti li huma assoċjati mal-konsum tal-ikel, bħal Campylobacter jew Salmonella, jistgħu jiġu ttrasferiti mill-annimali għall-bnedmin permezz tal-ikel. Il-persuni jistgħu jieħdu batterji reżistenti minn kuntatt dirett mal-annimali. Madankollu, l-akbar kawża ta’ reżistenza antibijotika fil-bnedmin tibqa’ l-użu ta’ antibijotiċi fil-mediċina għall-bnedmin.

 

MRSA

 

X’inhu MRSA?
Staphylococcus aureus huwa batterju komuni, preżenti fuq il-ġilda u l-mukoża f’20% sa 30% ta’ persuni f’saħħithom. Xi kultant jista’ jikkawża infezzjonijiet jekk jiddaħħal fil-ġisem. Huwa normalment jikkawża infezzjonijiet fil-ġilda u fil-ġrieħi iżda jista’ jikkawża infezzjonijiet invażivi fil-pulmuni, fis-sit tal-operazzjoni kirurġika, fid-demm, fil-qalb, fl-għadam u oħrajn. Meta jkun reżistenti għall-metiċillina (methicillin) (jew għall-oxaċillina [oxacillin], tip ta’ peniċillina), jissejjaħ MRSA jew “Staphylococcus aureus reżistenti għall-metiċillina(Methicillin-Resistant Staphylococcus aureus). Normalment, l-MRSA li jinsab fl-isptarijiet huwa reżistenti għal bosta antibijotiċi oħrajn.

 

X’inhuma l-kawżi tal-MRSA?
L-MRSA jittieħed permezz ta’ kuntatt dirett minn bniedem għal bniedem jew permezz tat-tagħmir jew tal-apparat mediku. L-użu tal-antibijotiċi huwa wkoll assoċjat ma’ riskju ogħla ta’ teħid tal-MRSA.

 

X’inhuma r-riskji ta’ MRSA fl-isptarijiet?
Fl-isptarijiet, l-MRSA jista’ jiddaħħal fid-demm jew f’tessut ieħor fil-ġisem f’bosta okkażjonijiet waqt il-kura, b’mod speċjali meta jkunu qegħdin isiru proċeduri invażivi bħal intervent kirurġiku, titqib, ventilazzjoni. Imbagħad dan jista’ jikkawża infezzjonijiet lokali fil-ġilda jew infezzjonijiet li huma ta’ aktar periklu għall-ħajja bħall-pulmonite, infezzjonijiet fid-demm u fis-sit tal-operazzjoni kirurġika. Biex inaqqsu dan ir-riskju, l-isptarijiet jistabbilixxu azzjonijiet preventivi: il-ħasil tal-idejn jew id-diżinfezzjoni b’soluzzjoni b’bażi ta’ alkoħol, antisepsi qabel isir l-intervent kirurġiku, skrining u iżolament ta’ pazjenti f’riskju għoli ta’ ġarr ta’ batterji reżistenti, u użu prudenti ta’ antibijotiċi.

 

X’inhuma r-riskji ta’ MRSA fil-komunità?
Fil-komunità, l-infezzjonijiet tal-MRSA jistgħu jseħħu jekk l-MRSA jiddaħħal fil-ġisem minn ġo qsim fil-ġilda. L-infezzjonijiet tal-MRSA assoċjati mal-komunità (CA-MRSA) ġew deskritti f’bosta pajjiżi, eż. f’timijiet sportivi u f’ħabsijiet fl-Amerika ta’ Fuq, u hemm dokumentazzjoni ta’ trasmissjoni fost il-membri tal-familja. Il-karatteristika komuni tidher li hija kuntatt mill-qrib bejn il-persuni. L-infezzjonijiet CA-MRSA huma l-aktar infezzjonijiet tal-ġilda (imsiemer), axxessi; xi kultant jistgħu jseħħu infezzjonijiet aktar gravi (eż. infezzjonijiet fid-demm), l-aktar jekk is-CA-MRSA jipproduċi tossina, bħal-lewkoċidina Panton-Valentine (PLV).

 

Kif nista’ nipproteġi lili nnifsi/lill-familja tiegħi mill-MRSA?
L-aktar ħaġa importanti sabiex tipproteġi lilek innifsek u lill-familja tiegħek mill-MRSA hija li tikkonforma ma’ miżuri sempliċi ta’ iġjene: naddaf u għatti ġrieħi, qatgħat u brix, żomm idejk nodfa sakemm ifiequ, u evita li taqsam ma’ ħaddieħor affarijiet personali bħal xfafar u xugamani. Jekk taqbdek infezzjoni minħabba l-MRSA, staqsi lit-tabib jew lill-infermiera tiegħek dwar liema miżuri ta’ iġjene jkollkom tieħdu inti u l-familja tiegħek, fl-isptar u meta terġa’ lura d-dar.

 

Escherichia coli

 

X’inhu Escherichia coli?
Escherichia coli jew E. coli huwa wieħed mill-aktar batterji komuni fl-apparat diġestiv (intestin) ta’ kull wieħed minna. Jappartjeni għall-familja ta’ batterji msejħa Enterobacteriacae (bi Klebsiella, Enterobacter). E. coli ġeneralment ma jagħmilx ħsara iżda xi kultant jista’ jikkawża infezzjonijiet, l-aktar infezzjonijiet fl-apparat urinarju. F’dawn l-aħħar snin, ġiet irrappurtata żieda fl-infezzjonijiet minħabba E. coli reżistenti għal bosta antibijotiċi fl-istess ħin, inklużi fluworokwinoloni (fluoroquinolones) u ċefalosporini (cephalosporins) tat-tielet ġenerazzjoni.

 

X’inhuma l-kawżi ta’E. coli reżistenti?
Kura antibijotika preċedenti, eż. bil-fluworokwinoloni, ġiet assoċjata ma’ riskji ogħla ta’ reżistenza fl-E. coli. Imbagħad, l-E. coli reżistenti jista’ jinfirex bejn il-persuni.

 

X’inhuma r-riskji ta’E. coli reżistenti fl-isptarijiet?
Ir-riskju fl-isptarijiet huwa li E. coli mill-intestin tiegħek jista’ jidħol f’demm jew f’tessut ieħor meta jkunu qegħdin isiru proċeduri invażivi bħal interventi kirurġiċi jew titqib. Jista’ jittieħed ukoll minn persuna oħra permezz ta’ kuntatt dirett (l-idejn). Imbagħad jista’ jikkawża firxa wiesgħa ta’ infezzjonijiet, bħal infezzjonijiet fl-apparat urinarju, pulmonite, infezzjonijiet fid-demm u infezzjonijiet fis-sit tal-operazzjoni kirurġika. Biex inaqqsu dan ir-riskju, l-isptarijiet jistabbilixxu azzjonijiet preventivi: l-użu prudenti ta’ antibijotiċi, antisepsi qabel isir l-intervent kirurġiku, proċeduri asettiċi sabiex jiġu evitati infezzjonijiet fl-apparat urinarju, iġjene tal-idejn, u l-iskrining ta’ pazjenti f’riskju għoli ta’ ġarr ta’ batterji reżistenti.

 

X’inhuma r-riskji ta’E. coli reżistenti fil-komunità?
Il-fatturi ewlenin ta’ riskju għal E. coli reżistenti fil-komunità huma kura antibijotika preċedenti. Jista’ jkun hemm dewmien fil-kisba ta’ kura effikaċi għall-infezzjoni fl-apparat urinarju minħabba E. coli reżistenti, u dan jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet gravi bħal infezzjonijiet fil-kliewi jew fid-demm.

Page last updated 16 Nov 2008