Paolo

stejjer ta' pazjenti
Paolo - Patient story

Paolo marad b'infezzjoni urinarja serja b'E.coli reżistenti għal ħafna antibijotiċi. Kien biss wara xahrejn u tliet korsijiet ta' antibijotiċi differenti li l-infezzjoni ta' Paolo ġiet ikkurata b'suċċess. Ħadd ma jaf minn fejn ħa din l-infezzjoni.

Paolo għandu 55 sena u huwa Professur fl-Università ta’ Ruma, fl-Italja. F’Awwissu tal-2010, Paolo mar ibaħħar waħdu bid-dgħajsa bil-mutur tiegħu lejn Ponza, gżira żgħira tefa’ ta’ ġebla l-bogħod mill-kosta tal-Italja. Wara li wasal Ponza, ħass li kellu s-sintomi ta’ infezzjoni fl-apparat tal-awrina, iżda ma tax wisq kas dak il-ħin għax ħaseb li s-sintomi tiegħu setgħu jkunu dovuti għal deidratazzjoni mis-sħana sajfija.

Madankollu, wara ftit tal-ħin, żviluppa deni b’dehxiet bir-rogħda u s-sintomi tal-infezzjoni fl-apparat tal-awrina tiegħu żdiedu fil-qawwa. Kellem lil ħatnu, li huwa tabib u li kien qiegħed iqatta’ l-btala tiegħu f’Ponza. Ħatnu tah il-parir li jieħu ciprofloxacin, antibijotiku fluoroquinolone li huwa wieħed mill-aktar antibijotiċi użati b'mod komuni għall-infezzjonijiet fl-apparat tal-awrina. Ciprofloxacin jista’ jittieħed b’mod orali, u allura faċli biex tieħdu u normalment huwa effettiv fl-ikkurar ta’ infezzjonijiet tal-apparat tal-awrina. Il-kundizzjoni tiegħu ma qalbitx għall-aħjar matul it-tlett ijiem ta’ wara, u d-deni ma taffiex. Minkejja dan, kompla jieħu ciprofloxacin għal ġimgħa jew aktar, bit-tama li jħossu b’saħħtu biżżejjed biex ibaħħar lura lejn Ruma u jagħmel eżami mediku sħiħ u testijiet tal-laboratorju.

Paolo kien fuq il-gżira ta’ Ponza fejn ma kien hemm l-ebda possibilità ta’ ttestjar fil-laboratorju tal-awrina tiegħu sabiex wieħed isir jaf aħjar liema antibijotiċi jistgħu jittrattaw il-vajrus. Kien jaf li hu importanti li jkunu magħrufa r-riżultati tal-kultura tal-awrina tiegħu sabiex tabib ikun jista’ jagħtih l-antibijotiku t-tajjeb fuq ir-riċetta.

Peress li beża’ jbaħħar lura lejn Ruma waħdu f’każ li jħossu ma jiflaħx ħafna, ħatnu mar miegħu. Mal-wasla fuq l-art, mill-ewwel mar fi sptar kbir f’Ruma fejn saritlu kultura tal-awrina u eżami kliniku, li kkonfermaw li kellu infezzjoni kkumplikata fl-apparat tal-awrina. Instab ukoll li kellu glandola tal-prostata minfuħa, li probabbilment kienet ikkaġunata mill-infezzjoni.

Il-kultura wriet li kien infettat b’batterju msejjaħ Escherichia coli (E. coli), li pproduċa lactamase beta bi spettru estiż (ESBL - extended-spectrum beta-lactamase) u li kien reżistenti għal bosta antibijotiċi, inkluż ciprofloxacin. Ir-riżultati mil-laboratorju wrew li l-uniċi antibijotiċi li għalihom kien sensittiv l-E.coli ta’ Paolo kienu amoxicillin/aċidu klavulaniku, trimethoprim-sulfamethoxazole, fosfomycin u finalment, klassi ta’ antibijotiċi imsejħa carbapenems, li jintużaw jekk ma jaħdmux l-antibijotiċi l-oħrajn. Paolo ma setax jieħu trimethoprim-sulfamethoxazole, li huwa aġent antibatterjali orali, għaliex kien allerġiku għalih. Carbapenems jista’ jingħata biss fil-vina, u dan ifisser li kellu jqatta’ xi żmien l-isptar. Ingħata amoxicillin/aċidu klavulaniku bir-riċetta, li ħadhom b’mod orali għal erba’ ġimgħat. Il-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-aħjar, iżda erbat ijiem wara li twaqqaf it-trattament tiegħu, reġa’ beda bid-deni u reġgħu feġġew is-sintomi tiegħu ta’ infezzjoni fl-apparat tal-awrina.

Imbagħad ċempel lil ħabib tiegħu, speċjalista fil-mard infettiv, li ssuġġerielu jieħu fosfomycin b’mod orali fid-doża korretta għall-infezzjoni tiegħu. Ħa dan l-antibijotiku għal 21 jum. Is-sintomi tiegħu għebu wara dak iż-żmien u għadu b’saħħtu sal-lum.

Kummentarjunoti dwar il-każ

Matul btala, Paolo żviluppa infezzjoni kkumplikata fl-apparat tal-awrina b’iżolat tal-E. coli li pproduċa lactamases beta bi spettru estiż (ESBL - extended-spectrum-beta lactamases). ESBLs huma enzimi li jagħmlu l-batterji, spiss E. coli u Klebsiella pneumoniae, reżistenti għal ħafna mill-antibijotiċi β-lactam, inklużi peniċillini, ċefalosporini u aztreonam. Instab li l-E.coli ta’ Paolo huwa sensittiv biss għal amoxicillin/aċidu klavulaniku, trimethoprim-sulfamethoxazole, fosfomycin u għal carbapenems, klassi ta’ antibijotiċi użati jekk ma jaħdmux l-antibijotiċi l-oħrajn, li huma t-trattament primarju għall-batterji li jipproduċu ESBLs.

F’dan il-każ, hu importanti li jingħad li Paolo kien żviluppa infezzjoni b’E. coli ferm reżistenti li ħadha mill-komunità. B’mod partikolari, l-E. coli tiegħu kien reżistenti għal fluorokwinoloni, klassi ta’ antibijotiċi li jistgħu jittieħdu b’mod orali biex jiġu ttrattati infezzjonijiet fl-apparat tal-awrina, inklużi dawk ikkumplikati.

Il-carbapenems, li l-E.coli kien sensittiv għalihom, huma l-antibijotiċi primarji f’pazjenti b’infezzjonijiet b’batterji li jipproduċu ESBL. Minbarra l-carbapenems, li jingħataw fil-vina u li jeħtieġu li, b’xi mod, il-pazjent jibqa’ l-isptar, kien hemm biss ftit antibijotiċi li seta’ jieħu li kienu jkunu effettivi kontra din l-infezzjoni, u ftit kienu dawk li seta’ jeħodhom b’mod orali.

Barra minn hekk, kien allerġiku għal wieħed minnhom, trimethoprim-sulfamethoxazole. L-antibijotiku li Paolo spiċċa jieħu kien amoxicillin-aċidu klavulaniku, li hu ħadu b’mod orali. Dan l-antibijotiku jista’ jidher sensittiv fil-laboratorju, iżda fil-fatt mhuwiex effettiv kontra E. coli ESBL meta jingħata għat-trattament fil-bnedmin. Din hija r-raġuni għala l-kundizzjoni dehret li tjiebet matul it-trattament b’amoxicillin-aċidu klavulaniku, iżda l-infezzjoni ma kinitx inqerdet u minnufih reġgħet feġġet wara l-kors terapewtiku.

Huwa inkwetanti li batterji b’reżistenza għolja bħal dawn qegħdin jinfirxu fil-komunità u jikkaġunaw infezzjonijiet f’pazjenti b’ebda kuntatt mal-isptarijiet. B’mod globali, batterji li jipproduċu ESBL qegħdin jinstabu bħala l-kawża ta’ infezzjonijiet meħuda mill-komunità, u ferm spiss, infezzjonijiet fl-apparat tal-awrina. Importanti li t-trattament isir bl-antibijotiku t-tajjeb, peress li dawn it-tipi ta’ batterji ferm reżistenti jistgħu jkunu l-kaġun għaliex il-pazjenti jimirdu aktar u jkollhom eżitu agħar. Messaġġ importanti għall-pazjenti huwa li l-antibijotiku t-tajjeb irid jingħata b'riċetta ta' tabib għat-trattament. Għaldaqstant, hemm bżonn li wieħed jara tabib u li jsirulu testijiet mikrobijoloġiċi.