Mohammed

stejjer ta' pazjenti

Jisimni Mohammed u għandi 37 sena. Trabbejt fir-Renju Unit, iżda għal dawn l-aħħar 10 snin kont qiegħed ngħix fil-Kajr, immexxi kumpanija ta’ żvilupp tas-softwer. Għandi ħafna membri familjari l-Eġittu u nieħu ħafna gost ngħix hemm u noqgħod ġej u sejjer l-Ingilterra.

F’April 2011, ġejt djanjostikat b’lewkemija majelojde akuta, tip ta’ kanċer li fih il-ġisem jipproduċi ċelloli bojod żejda u s-sistema immunitarja tieqaf taħdem kif suppost. Bdejt bil-kura kważi minnufih. Il-lewkemija minnha nfisha ma toħloqx wisq uġigħ – iktar tħossok ftit ma tiflaħx u għajjien – iżda l-fatt li s-sistema immunitarja ma taħdimx kif suppost ifisser li aktar għandek probabilità li jaqbduk infezzjonijiet. Dawn jistgħu jkunu sew skomdi kif ukoll estremament perikolużi.

Waqt li kont l-isptar biex nagħmel it-tieni serje ta’ kimoterapija, żviluppajt deni għoli li t-tobba sabuha diffiċli biex jikkontrollawh b’antibijotiċi regolari. Għal tlett ijiem it-temperatura għoliet bla waqfien, u laħqet livelli perikolużi sa 40°C. Wara li ntebħu li kien hemm xi ħaġa mhux tas-soltu fl-infezzjoni tiegħi, it-tobba eventwalment irnexxilhom jikkontrollaw id-deni billi użaw taħlita speċifika ta’ antibijotiċi b’doża għolja.

F’dak iż-żmien, in-natura mhux magħrufa tal-infezzjoni kienet beżżgħatni mhux ftit; konna qed inħabbtu wiċċna ma’ lewkemija, iżda ħadd ma kellu idea x’ikkawża d-deni.

Investigazzjonijiet ulterjuri wrew li kelli infezzjoni b’batterju msejjaħ Escherichia coli (E. coli), li normalment jgħix fl-intestini. Għal raġunijiet li t-tobba tiegħi ma fehmux, kont qiegħed inġorr tip ferm reżistenti ta’ E. coli. Ħadd ma jaf biċ-ċert mnejn ħadt dan it-tip ferm reżistenti ta’ vajrus, jew kemm kien ilu rieqed fl-intestini tiegħi. It-tobba ħasbu li stajt ħadtu l-Eġittu għaliex tipi reżistenti simili nstabu hemmhekk ukoll u jien kont għext hemm. Il-kimoterapija dgħajfet is-sistema immunitarja tiegħi, u ppermettiet sabiex l-infezzjoni tieħu aktar saħħa.

Hekk kif it-tobba sabu l-infezzjoni, bagħtuni f’iżolament. Anki llum meta mmur l-isptar għal kimoterapija, ma nistax nitlaq mill-kamra jew nitħallat mal-pazjenti l-oħrajn għal ġimgħat wara xulxin. L-infermera u t-tobba jużaw prekawzjonijiet ta’ kuntatt stretti u persunal iddedikat biex jiżguraw li l-infezzjoni ma tittieħidx minn ħaddieħor. Matul it-tielet serje ta’ kimoterapija, żviluppajt deni ieħor. Din id-darba, it-tobba kienu jafu kif għandhom jikkurawh u malajr ikkontrollawh. Il-livell ta’ kontroll huwa pjuttost rassiguranti, iżda xorta, li toqgħod fl-iżolament mhijiex xi divertita.

L-aktar ħaġa tal-biża’ hi li naf li jista’ jkolli dan il-vajrus għal dejjem. Bħalissa huwa kkontrollat u t-tobba ikkurawh tajjeb ħafna, iżda anki wara li negħleb il-lewkemija, il-possibilità ta’ riattivazzjoni tal-infezzjoni tibqa’ theddida tberren f’moħħi. Qatt ma immaġinajt li l-infezzjonijiet jistgħu jkunu ta’ periklu għall-ħajja, jew li jistgħu jsiru perikolużi tant malajr. B’xorti tajba għandna netwerks ta’ appoġġ mediku fantastiku bħal dan, iżda huwa importanti li nkunu nafu bir-riskji u mmorru naraw tabib mill-ewwel hekk kif inkunu nafu li hemm xi ħaġa ħażina.

Kummentarju: noti dwar il-każ

E. coli, li kien iżolat miċ-ċirkolazzjoni tad-demm ta’ Mohammed, kellu mekkaniżmu ta’ reżistenza li jipproduċi enzima msejħa carbapenemase. L-E. coli ta’ Mohammed ipproduċa carbapenemase msejħa OXA-48, li spiss kienet irrapportata minn batterji fir-reġjun Mediterranju, iżda qiegħed jiġi rrapportat anki fil-bqija tal-Ewropa u b’mod globali. Din l-enzima, OXA-48, tagħmel il-batterji ferm reżistenti għal ħafna antibijotiċi, inkluża klassi ta’ antibijotiċi użati jekk ma jaħdmux l-antibijotiċi l-oħrajn, il-carbapenems.

It-tobba ta’ Mohammed irnexxilhom jittrattawh bl-antibijotiċi t-tajbin għaliex kienu ħadu l-kulturi fil-ħin u wettqu ttestjar fil-laboratorju biex jaraw liema antibijotiċi kienu effettivi kontra l-batterju tiegħu. Jista’ jkun li Mohammed kien ilu jġorr dan l-E. coli reżistenti fl-intestini tiegħu għal żmien twil u fil-ġejjieni, dan jista’ jkun il-kawża ta’ infezzjoni oħra. Se jkollu bżonn jieħu l-antibijotiċi biex jevita infezzjonijiet li jistgħu jkunu assoċjati mat-trattament li qiegħed jieħu għal-lewkemija. Peress li OXA-48 tagħmel l-E. coli reżistenti għal dawn l-antibijotiċi kollha, dan jista’ jkun sfida kbira għaliex jifdal biss ftit x’jingħata.

Jekk l-antibijotiċi ma jintużawx kif suppost – jekk jintużaw meta mhumiex meħtieġa, jingħataw għal żmien twil jew qasir wisq jew fid-doża l-ħażina – dan jista’ jwassal sabiex ifeġġu u jinxterdu batterji li huma reżistenti għall-antibijotiċi.

Huwa importanti li l-antibijotiċi jintużaw bil-għaqal u li jintgħażel l-antibijotiku t-tajjeb malajr kemm jista’ jkun għat-trattament ta’ infezzjonijiet. Ittardjar fl-għażla tal-antibijotiċi t-tajbin, speċjalment f’pazjenti morda sew bħal Mohammed, ġie assoċjat ma’ rati għoljin ta’ mard u mwiet.

Dan huwa importanti għal kulħadd, għaliex batterji reżistenti jistgħu jinstabu fl-isptarijiet, iżda anki fil-komunità. Il-pazjenti li għandhom sistema immunitarja dgħajfa minħabba trapjant tal-mudullun tal-għadam jew trapjant ta’ organu solidu huma f’riskju partikolari għaliex huma aktar suxxettibbli għal infezzjonijiet.