Rwol tal-ECDC

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fl-2008 iddeċieda li jistabbilixxi l-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi (EEAD) fit-18 ta’ Novembru bħala pjattaforma biex tagħti appoġġ lil kampanji nazzjonali fir-reġjun.

Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-użu prudenti ta’ aġenti antimikrobjali f’Novembru 2001, li ddikjarat li l-Istati Membri tal-UE għandhom jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali dwar l-importanza tal-użu prudenti ta’ aġenti antimikrobjali u dwar is-suċċess ta’ xi kampanji nazzjonali, bħall-Belġju u Franza, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fl-2008 iddeċieda li jistabbilixxi l-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi (EEAD) fit-18 ta’ Novembru bħala pjattaforma biex tagħti appoġġ lil kampanji nazzjonali fir-reġjun.

Il-mandat tal-ECDC hu li jidentifika u jivvaluta r-riskji ta’ mard li jittieħed għaċ-ċittadini tal-UE u li jikkomunika dwar dawn ir-riskji; dan jinkludi l-qasam tar-reżistenza għall-antimikrobiċi. Il-ġestjoni ta’ dawn ir-riskji kif ukoll il-fatturi li jikkontribwixxu għall-kontroll ta’ mard li jittieħed jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru.

Attivitajiet relatati ma’ dan is-suġġett fl-ECDC isiru taħt il-programm dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u Infezzjonijiet assoċjati mal-Kura tas-Saħħa. L-oqsma ewlenin ta’ ħidma tal-ECDC jinkludu s-sorveljanza, l-intelliġenza epidemika, l-iżvilupp ta’ gwida bbażata fuq l-evidenza u reviżjonijiet sistematiċi, taħriġ, appoġġ lill-Istati Membri tal-UE. L-ECDC nieda wkoll, u jaġġorna b’mod regolari, direttorju ta’ riżorsi online għall-prevenzjoni u għall-kontroll tar-reżistenza għall-antimikrobiċi u infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa biex jappoġġja lill-Istati Membri tal-UE li huma meħtieġa jiżviluppaw linji gwida nazzjonali. Finalment, fit-18 ta’ Novembru ta’ kull sena, l-ECDC jikkoordina l-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi.

Mill-2008, numru ta’ organizzazzjonijiet relatati mas-saħħa u professjonali, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa (WHO/Ewropa), issieħbu mal-ECDC fil-preparazzjoni ta’ materjali ta’ komunikazzjonijiet u fl-ippjanar ta’ attivitajiet immirati lejn udjenzi bħall-pubbliku ġenerali u professjonisti fi sptarijiet. Barra minn hekk, minn dik is-sena aktar minn 43 pajjiż fir-reġjun tal-Ewropa kellhom kampanji, kollha taħt il-kappa tal-EEAD.

Mill-2015, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tmexxi l-Ġimgħa Dinjija għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi, kampanja globali li sseħħ fil-ġimgħa tat-18 ta’ Novembru. L-EEAD jissieħeb mal-Ġimgħa Dinjija għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi.