X’qiegħed jagħmel l-ECDC biex iżomm l-antibijotiċi jaħdmu?

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jikkontribwixxi biex iżomm l-antibijotiċi jaħdmu billi jiżgura li l-Ewropa jkollha ħarsa ġenerali tajba lejn is-sitwazzjoni dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi u l-konsum tal-antibijotiċi b’aġġornament ta’ kull sena dwar id-data ta’ sorveljanza Ewropea, u billi jippromwovi u jirrakkomanda b’mod attiv l-użu prudenti tal-antibijotiċi.

Attivitajiet relatati ma’ dan is-suġġett fl-ECDC isiru taħt il-programm dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u Infezzjonijiet assoċjati mal-Kura tas-Saħħa. L-oqsma ewlenin ta’ ħidma tal-ECDC jinkludu s-sorveljanza, l-intelliġenza epidemika, l-iżvilupp ta’ gwida bbażata fuq l-evidenza u reviżjonijiet sistematiċi, taħriġ kif ukoll appoġġ lill-Istati Membri tal-UE. L-ECDC nieda wkoll, u jaġġorna b’mod regolari, direttorju ta’ riżorsi online għall-prevenzjoni u l-kontroll tar-reżistenza għall-antimikrobiċi u infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa biex jappoġġja lill-Istati Membri tal-UE li jkollhom bżonn jiżviluppaw linji gwida nazzjonali.

Sa mill-2008, l-ECDC jikkoordina l-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi, inizjattiva tas-saħħa pubblika li għandha l-għan li tipprovdi pjattaforma u appoġġ għal kampanji nazzjonali dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi. Kull sena madwar l-Ewropa, l-EAAD jiġi mfakkar fit-18 ta’ Novembru.

L-ECDC jissieħeb ukoll ma’ bosta organizzazzjonijiet professjonali u tal-pazjenti, mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u mal-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa, kif ukoll ma’ kampanji internazzjonali fl-Istati Uniti, fl-Awstralja, fi New Zealand, fil-Kanada u fil-Ġappun, biex iwettaq numru ta’ azzjonijiet biex tiġi indirizzata r-reżistenza għall-antimikrobiċi.