Messaġġi ewlenin għad-dipartimenti tal-emerġenza [tobba u maniġers]

1.    Intom tinsabu f'pożizzjoni importanti biex ittejbu l-preskrizzjoni tal-antibijotiċi kemm fil-pazjenti rikoverati u l-pazjenti ta' barra, peress li l-faċilità tagħkom tinsab fl'interfaċċja tal-isptar u l-komunità [77].

2.    Il-korsijiet tal-antibijotiċi li bdew fid-dipartiment tagħkom jinfluwenzaw bil-kbir x'terapija titkompla fl-isptar u fil-komunità [77].

Kompiti
3.    Il-kompiti kliniċi relatati mat-titjib fl-użu tal-antibijotiċi jinkludu [102] [kunsens tal-esperti]:
a)    Issegwu linji gwida lokali bbażati fuq l-evidenza għall-infezzjonijiet komuni; 
b)    Tiddeċiedu dwar l-ewwel doża tal-antibijotiċi għall-pazjenti rikoverati;
c)    Tieħdu l-kulturi rilevanti, qabel ma tibdew it-terapija antibijotika, li tippermetti li t-terapija antibijotika tkun imfassla apposta jew imwaqqfa waqt ir-rikoveru l-isptar;
d)    Tikkomunikaw l-isfond rilevanti kollu tal-pazjenti u d-deċiżjoni dwar it-trattamenti lill-prattikanti li jsegwu lill-pazjenti rikoverati jew ta' barra (in- jew out-patient).
e)    Tinfurmaw lill-pazjenti (u lill-familji tagħhom) dwar l-indikazzjoni għal preskrizzjoni tal-antibijotiċi, l-effetti kollaterali possibbli u l-użu kif suppost tagħhom.

4.    Il-kompiti tad-dipartiment jinkludu [77] [kunsens tal-esperti]:
a)    L-għemil disponibbli ta' linji gwida tal-antibijotiċi tal-isptar abbażi tal-evidenza u mogħdijiet kliniċi għad-dijanjożi, it-trattament u l-ġestjoni tal-iktar infezzjonijiet komuni li tiltaqa' magħhom fid-dipartiment tiegħek (jiġifieri, infezzjonijiet fl-apparat respiratorju, infezzjonijiet tal-ġilda u tat-tessuti rotob, infezzjonijiet fl-apparat tal-awrina u sepsis). Dan għandu jinkludi l-indikazzjoni, l-għażla tal-mediċina, id-doża, ir-rotta tal-amministrazzjoni u t-tul tat-trattament.
b)    Jiżgura l-linji gwida, jinkorpora xejriet ta' reżistenza għall-antibijotiċi u l-mikrobijoloġiji lokali u jirrifletti l-formularju tal-isptar eżistenti.
c)    It-tisħiħ tas-segwitu dak il-ħin u l-interpretazzjoni tad-dejta tal-kulturi mikrobijoloġiċi, billi jikkoordina mal-laboratorju tal-mikrobijoloġija biex jikkondividi r-riżultati b'mod effiċjenti lill-preskriventi.
d)    Jeduka lill-persunal dwar il-mard infettiv u l-użu prudenti tal-antibijotiċi.

X'tista' tagħmel
5.    Issegwu l-protokolli tat-trattamenti bl-antibijotiċi, fuq il-bażi tal-linji gwida bbażati fuq l-evidenza (eż. għas-sepsis [74], l-infezzjonijiet tal-apparat tal-awrina [103], l-infezzjonijiet tal-ġilda u tat-tessuti rotob [104]) u tapplikaw miżuri tal-prevenzjoni u l-kontroll li huma stabbiliti fl-ambjent tiegħek [31] [kunsens tal-esperti].

6.    Qisu bir-reqqa l-istorja tal-pazjent meta tippreskrivu antibijotiku, inkluż l-użu tal-antibijotiku riċenti, l-allerġiji għall-mediċini, l-użu ta' terapija immunosuppressiva u fatturi tar-riskju għar-reżistenza għall-antibijotiku (pereżempju, rikoveru riċenti fl-isptar, proċedura riċenti jew vjaġġar riċenti barra mill-Ewropa) [31].

7.    Ibqgħu konxji tax-xejriet lokali ta' reżistenza għall-antibijotiċi fil-komunità, fl-isptar u fid-dipartiment [31] [kunsens tal-esperti].

8.    Ibdew it-trattament tal-antibijotiċi biss jekk hemm evidenza ta' infezzjoni batterjali u tittrattawx il-konolizzazzjoni [31,72].

9.    Evitaw profilassi antibijotika bla bżonn [31,73].

10.    Għall-pazjenti b'infezzjoni severa, ibdew it-trattament antibijotiku effettiv kemm jista' jkun malajr [31,74].

11.    Kunu ċerti li jittieħdu kulturi qabel ma tibdew l-antibijotiċi [31,42,70,71].

12.    Iddokumentaw l-indikazzjoni ta' trattament bl-antibijotiku, l-għażla tal-mediċina, id-doża, ir-rotta tal-amministrazzjoni u t-tul ta' żmien tat-trattament fiċ-ċart tal-pazjent [31,42,70,71].

13.    Jekk tinsabu f'dubju qabel ma toħorġu riċetta għal antibijotiku, għandkom [25,26,53,70] [kunsens tal-esperti]:
•    Tiċċekkja d-dejta epidemjoloġika lokali, reġjonali u nazzjonali
•    Tfittxu gwida u pariri mingħand kollega superjuri jew mingħand membru tat-tim tal-kontroll tal-antibijotiċi.

14.    Tieħdu sehem b'mod regolari f'korsijiet tat-taħriġ u f'laqgħat li jappoġġjaw l-implimentazzjoni fl-isptar ta': a) użu antibijotiku prudenti, b) linji gwida dwar l-antibijotiċi lokali, ibbażati fuq l-evidenza, u c) miżuri ta' prevenzjoni u ta' kontroll tal-infezzjonijiet [52,53].